Għat-tieni parti tas-sensiela MICAS in Conversation, il-kritiku tal-arti u kuratur Rajesh Punj, ikompli d-diskussjoni tiegħu mal-artist Conrad Shawcross, li huwa bbażat f’Londra, fuq ix-xogħol tiegħu Schism (2020), xogħol permanenti, ġdid u speċifiku għas-sit.
Dan ix-xogħol tqiegħed aktar kmieni dan is-Sajf fl-artijiet tal-proprjetà ta’ Château La Coste. Schism (2020) ikompli bl-esplorazzjoni ta’ Shawcross fil-potenzjal ġeometriku u filosofiku partikolari tat-Tetraedru, li ta kulur b’mod pożittiv lill-inventività kollha ta’ Shawcross sal-lum. Schism (2020) jikkonsisti minn għoxrin tetraedra magħquda flimkien biex jiffurmaw kważi, iżda mhux b’mod perfett għal kollox, ikosaedru. Madankollu, għall-eżatezza ta’ fejn tidħol ix-xjenza, ix-xogħol ma ngħaqadx għaliex filwaqt li l-maġġoranza tal-forma hija intatta, partijiet kruċjali tal-istruttura tal-azzar jidhru mhux kompluti, bħallikieku l-ġeometrija ma rnexxietx minħabba l-gravità. Bil-ħolqien ta’ dawn ix-xquq jew qasmiet kbar bħal spazji irregolari li jimtlew bid-dawl, Schism (2020) jippermetti biżżejjed spazju fuq ġewwa għal preżenza umana.
Is-sensiela MICAS in Conversation tifforma parti mill-viżjoni programmatika tiegħu lejn it-trawwim ta’ ideat u esperjenzi ġodda li jippromwovu l-arti kontemporanja.
MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti. Il-MICAS se jitwettaq bis-saħħa ta’ restawr iffinanzjat mill-Istat ta’ swar storiċi u tal-galleriji tagħhom, u se jitlesta fl-2022. Dan il-proġett huma parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.