Ara lill-artista magħrufa internazzjonalment Cristina Iglesias tiddiskuti l-aħħar xogħol tagħha Sea Cave (Entrance).
Sea Cave (Entrance) iġġib fil-wiċċ dik li jista’ jkun fil-qiegħ. Tiżvela ftuħ immaġinarju għal spazju sotterranju li jesplora ġeoloġiji moħbija, interkonnessjonijiet u l-mogħdija taż-żmien. Fil-pajsaġġ tal-Ġnien ta’ Hastings il-Belt Valletta, ix-xogħol f’bassoriljev tal-bronż huwa artikolat elokwentement fil-lingwa skulturali distintiva tal-artista. Sea Cave (Entrance) toħloq ambjent skulturali profond u immersiv, permezz ta’ involviment riflessiv mal-ispazju pubbliku. Ix-xogħol jaċċenna għal għatba liminali, id-daħla potenzjali għal għerien, bil-forma skulturali tfannad ’l isfel biex tesponi saffi stratifikati u ġeoloġija immaġinata mħaffra u moħfija. L-isporġenzi aktar lixxi ta’ fuq jikkuntrastaw mas-saffi ħerġin ’il barra li jfakkru fl-għerien tax-xatt msawra u mgħawwra mill-kostanza tal-baħar. L-ilma, li jiċċaqlaq f’sekwenzi bil-mod jew aktar veloċi, isir l-element li jgħaqqad ix-xogħol peress li jfittex li jikkatalizza l-impenn perċettwali. Sea Cave (Entrance) hija stedina miftuħa għal esperjenza kontemplattiva immersiva.
Bħala akkwist nazzjonali eċċitanti ġdid li se jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku biex iżuru u jgawdih f’Hastings Gardens bħalissa, Sea Cave (Entrance) eventwalment se tiġi rilokata fil-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS fil-Kontrogwardja ta’ San Salvatore li tħares għal fuq il-Port ta’ Marsamxett.
Sea Cave (Entrance) inkixfet matul il-MICAS International Art Weekend 2021 u ġiet appoġġata mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Ambaxxata tar-Renju ta’ Spanja, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Heritage Malta, Air Malta u Marian Goodman Gallery.