The Palm Goddess for Malta MLT
“Palm Goddess for Malta” © 2022 Michele Oka Doner. All rights reserved.” Post: Pjazza Teatru Rjal, Valletta. Ritratt: Fredrick Oka Doner.

Sara Dolfi Agostini dwar The Palm Goddess for Malta ta’ Michele Oka Doner

7 ta' Novembru 2022

The Palm Goddess for Malta tirrappreżenta idolu antik ta’ ċiviltà mgħoddija indeterminata, bil-patina ħadra tagħha li timita l-proċess naturali tal-ossidazzjoni tal-bronż taħt l-elementi, daqslikieku antika s-sekli. Il-ġisem huwa tagħqida astratta ta’ zokk ta’ palma u ħlejqa antropomorfika, bilwieqfa u mmejla ’l quddiem. It-titlu jidentifika ċarament figura femminili, iżda mhux mara tas-soltu — din l-iskultura monumentali hija ta’ alla-mara. Bejn 10,000 u 5,000 sena ilu, bosta miċ-ċiviltajiet emerġenti madwar il-baċir tal-Mediterran kellha alla-mara bħala d-divinità tagħhom, u l-arkeologi jgħoddu mijiet ta’ reliġjonijiet imsejsa fuq l-alla-mara. Madankollu, sal-ħames seklu wara Kristu, ġew misterjożament eradikati. Iċ-ċiviltà Neolitika f’Malta kienet waħda minnhom.

L-għarfien tal-artista dwar l-allat-mara Maltin imur lura għall-1980 meta f’Londra, hija u għaddejja minn quddiem vetrina ta’ ħanut tal-kotba antiki, lemħet Stone Monuments, Tumuli and Ornament of Remote Ages: With Remarks on the Early Architecture of Ireland and Scotland (1870), ippubblikat minn John B. Day u miktub mill-perit Ingliż John Burley Waring (1823 – 1875). Il-ktieb jesplora l-karatteristiċi tat-tempji Megalitiċi f’Malta u Għawdex u simboli qawwija oħra ta’ ċiviltajiet mitlufa. Jittanta wkoll isib korrispondenza bejn l-arkitettura u l-forma tat-tempji u l-iġsma tal-allat-mara Maltin. Dak iż-żmien, l-artista kienet qed tagħmel il-pupi tatwati tal-porċellana magħrufa tagħha, li kienu mnebbħa wkoll mid-dakkir trasversali u l-ibridizzazzjoni ta’ forom naturali, ritwali umani u l-pajsaġġi li ngħixu fihom kollettivament.

L-interess ta’ Michele Oka Doner fil-kotba, l-istorja u l-arkeoloġija ġej mit-tħaddin ta’ mogħdija ta’ investigazzjoni estetika personali għall-aħħar, li laqgħet tifħir kemm kritiku kif ukoll pubbliku. Fil-fatt, meta ġgradwat mill-università, kulħadd kien konformament imsaħħar mill-Pop Art u l-Colour Field Painting, iżda minflok Doner iddeċidiet li tkompli bir-riċerka tagħha fuq il-forma tal-bniedem b’mod primittiv, permezz ta’ qari, ritwali, esplorazzjonijiet u ħolqien artistiku la antika, imsejjes fuq xogħol u ħidma intensivi. Dak li deher donnu lingwa barranija fix-xogħol tagħha kien fir-realtà espressjoni tal-“mere being”, is-sempliċi kewn tal-ħajja, biex nikkwotaw il-poeżija famuża ta’ Wallace Stevens. Illum, il-prattika tagħha tistieden lill-udjenza tieħu sehem fi skoperta sensorja ta’ kożmoloġiji antiki u elementi naturali li jinterrogaw minn fejn ġejjin u jiżvelaw l-għeruq komunali tal-identità uman.

Fi żmien meta l-Punent qed jerġa’ jibda l-gwerer wara biss ftit deċennji ta’ paċi relattiva wara t-Tieni Gwerra Dinjija, id-deterrenti reġgħu ġew ittrasformati f’armi, u t-tibdil fil-klima issa jesponi ħtieġa urġenti li tiġi definita mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-bnedmin u n-natura, alla-mara tal-palm tidher bħala entità ħabbara, epifanija f’waqtha li dak li huwa l-passat huwa prologu. L-element tal-alla-mara ispirat min-natura, is-siġra tal-palm, huwa simbolu universali li jinkludi ħafna ċiviltajiet u reliġjonijiet tal-emisferu tal-Punent ibbażati fuq alla-mara. Bħala s-siġra tal-ħajja, is-siġra tal-palm ġiet assoċjata ma’ setet tal-Meżopotamja, il-mistiċiżmu Lhudi, u l-espansjoni tal-Iżlam, u ilha preżenza rikorrenti fil-Bibbja Nisranija. Għall-artista, imwielda u mrobbija fl-istrixxa art li tikkostitwixxi ’l Miami Beach, is-siġra tal-palm hija wkoll viżjoni rassikuranti ta’ nutriment — il-grazzja u l-kenn jinbtu minn ekosistema fraġli mhedda minn livelli tal-baħar li qed jogħlew, donnha l-epitomu tal-kwistjonijiet kruċjali tat-tibdil fil-klima matul l-hekk imsejjaħ Antropoċene, l-epoka attwali skont iż-żmien ġeoloġiku ta’ dominanza perikoluża tal-bniedem fuq in-natura f’isem il-progress.

The Palm Goddess tisfida d-definizzjoni moderna tal-ħin ibbażata fuq il-veloċità, il-prestazzjoni u d-dehra, u tikkonfronta l-kolonni kkonsagrati tat-turbo-kapitaliżmu, biex tonora ċ-ċikli kajmana tan-natura li jgħaqqdu l-passat mal-preżent. Arketip li huwa kemm sagru kif ukoll marbut sfiq mal-art, is-siġra tal-palm tinkorpora l-protezzjoni f’livell traxxendentali li l-artista twassal b’elementi kemm figurattivi kif ukoll metaforiċi. Il-friegħi anċestrali fuq zokk is-siġra — sew relikwa sew reġistru ta’ dak li darba kien — huma ppronunzjati ħafna bħallikieku jistgħu jesponu s-saffi inviżibbli tal-storja. Il-ġisem tal-iskultura huwa mdawwar u mgħawweġ, spirali telgħin ’l fuq u jispuntaw ’il barra bħallikieku l-ogħla friegħi kienu fil-fatt ġwienaħ qed jinfetħu warajha. Michele Oka Doner turi ż-żmien bħala akkrexxittiv, jikber fil-waqt li jitwaħħad, u hija u tgħaqqad mill-ġdid il-passat, il-preżent u l-futur, tomaġġja wkoll diskretament lin-Nike ta’ Samotraċe u lill-Istatwa tal-Libertà, żewġ ikoni familjari — tad-dinjiet qodma u moderni, rispettivament — li jiġbru fihom is-saħħa, jilqgħu l-valuri u jmexxu ’l quddiem il-viżjoni.

Fil-fatt, il-wiċċ tal-bronż multidimensjonali ta’ The Palm Goddess jidher li jaħbi ruħ aktar ħarxa, aktar intuwittiva, waħda li tiġbor fiha n-natura dejjem tinbidel tal-verità, filwaqt li l-ħafna angoli tagħha jitolbu esperjenza estetika li la tista’ tiġi kommodifikata u lanqas ikkunsmata għall-gratifikazzjoni ottika immedjata. B’xi mod, l-iskultura apparentement tirreżisti t-tbassir tal-1977 ta’ Susan Sontag li kollox jeżisti biex jintemm fil-ritratt, hekk kif nies differenti jaraw xbihat differenti fih, jew jibdlu l-impressjoni inizjali tagħhom li kellhom mal-ewwel daqqa t’għajn hekk kif jikkonfrontawha dejjem aktar u mill-ġdid. Biex lil din l-Alla-Mara ssir tafha tassew, jeħtieġ proċess gradwali ta’ apprezzament. Kif jiġri spiss fil-prattika tal-artista, ix-xogħol artistiku huwa mezz biex wieħed jaħseb fil-futur f’termini preindustrijali, meta l-bidla kienet iskritta fil-ħin ġeoloġiku aktar milli fil-ħin tal-bniedem — f’armonija man-natura u ċ-ċikli astronomiċi, qabel ma l-hubris tal-bniedem ipperikola l-pjaneta.

Sign up for
our Newsletter

No spam included.