MY MASK AND ME

MY MASK & ME: it-Tfal, il-Pandemija u l-Ħolqien tal-Arti

19 ta' Mejju 2021

Georgina Portelli titkellem dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-kreattività tat-tfal u l-għoti ta’ viżibbiltà lit-tfal u l-esperjenzi tagħhom permezz tal-wiri tal-arti tagħhom.


Huwa fatt stabbilit sew li l-parteċipazzjoni fl-arti tgħin biex tirmedja għall-inugwaljanza filwaqt li żżid l-impenn soċjali u l-benesseri[1]. L-ethos tal-MICAS huwa wieħed b’impenn ċar lejn l-inklużjoni soċjali u d-diversità. Il-MICAS se jagħmel l-almu tiegħu biex jipprovdi opportunitajiet għall-aċċess u l-parteċipazzjoni fl-arti għal kulħadd, fosthom it-tfal.

L-edukazzjoni hija fil-qalba tal-missjoni tal-MICAS u bħala organizzazzjoni kulturali pubblika li għadha kif bdiet, il-MICAS ilu jaħdem b’mod kostanti biex jibni relazzjoni ta’ sħubija ta’ valur mat-tfal, l-edukaturi u l-komunitajiet tal-iskola, sa minn meta ġie varat il-kunċett tiegħu fl-2018. Għall-ewwel wirja tal-arti internazzjonali tagħna, it-tfal ikkollaboraw b’mod attiv mal-artist Ugo Rondinone fil-proġett tiegħu speċifiku għas-sit ‘the radiant’ fil-Ġnien tal-Milorda. F’din il-kollaborazzjoni, it-tfal tal-iskola esprimew l-aspirazzjonijiet tagħhom għal futur aħjar. Il-kontributi tagħhom, miktuba fuq l-istrixxi tal-injam tal-balsa bil-qniepen tal-bronż magħhom, kienu iddendlu fuq is-siġar madwar l-iskultura ta’ Ugo Rondinone, u ttrasformaw it-terrazzin t’isfel tal-ġnien storiku fi skultura aspirattiva tal-ħoss. Abbażi ta’ din l-esperjenza pożittiva u l-proġett ARTLAB tal-MICAS mal-iskejjel fl-inħawi tagħna, varat fl-2019, il-MICAS qed ikompli jinvesti fil-fergħa tal-edukazzjoni u tal-komunità tal-programm tagħha. Minħabba li l-involviment parteċipattiv huwa wieħed mill-prijoritajiet, aspett ta’ dan il-programm se jiffoka fuq l-arti tat-tfal bħala kontenut għall-mużew u għall-parti virtwali tal-programm.

Il-filosofija tal-MICAS, filwaqt li impenjata li tappoġġa l-esperjenzi kollha tat-tagħlim, tħaddan lit-tfal bħala ħallieqa u kollaboraturi. Nemmnu li l-organizzazzjonijiet kulturali għandhom jagħtu viżibbiltà lit-tfal permezz tal-wiri tax-xogħol tagħhom. Billi t-tfal jiġu rikonoxxuti bħala oriġinaturi ta’ kontenut u produzzjoni kulturali, l-aspetti kollha tal-ipprogrammar u l-prattika jistgħu jsiru aktar demokratizzati b’mod tanġibbli. Din is-sħubija se tgħin biex tixpruna l-iżvilupp tal-arti viżiva fil-komunitajiet tagħna.

Bħala promotur tal-kreattività, l-inklużjoni u d-drittijiet tat-tfal, il-MICAS jivvalorizza b’mod inekwivoku l-perspettiva tat-tfal bħala kontributuri proattivi għall-komunitajiet tagħhom. Hija kbira l-ħerqa tagħna li niċċelebraw il-kreattività tat-tfal u niżguraw li l-vuċijiet u l-esperjenzi tagħhom jinstemgħu.

Huwa minn din il-perspettiva li l-MICAS qed jagħti bidu lill-ewwel wirja online tiegħu li tiċċelebra lit-tfal bħala prattikanti tal-arti. L-arti tista’ tgħin biex tiġi interpretata d-dinja li ngħixu fiha anke fi żminijiet ta’ avversità u inċertezza. Għalhekk, bħala istituzzjoni kulturali li tiddefendi u tappoġġa l-kreattività tat-tfal u l-aċċess għall-edukazzjoni kulturali, aħna kburin li qed nuru u niddokumentaw ix-xogħol eċċezzjonali maħluq mit-tfal b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

Il-MICAS issa qed jospita wirja online tax-xogħol artistiku kollu sottomess għall-kompetizzjoni tal-MICAS Design a Mask Challenge. Il-wirja MY MASK & ME tippreżenta ġabra mill-isbaħ ta’ 730 xogħol. Il-wirja tiftaħ tieqa fuq l-aspirazzjonijiet, ix-xewqat u t-tħassib tat-tfal li jgħixu f’Malta hekk kif esperjenzaw iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija matul ix-xitwa tal-2021. Dawn it-tfal, li għandhom bejn ħames snin u sittax-il sena, esprimew permezz tal-arti, riflessjonijiet dwar ir-realtajiet il-ġodda u t-tfixkil sinifikanti esperjenzat fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Filwaqt li nifirħu lir-rebbieħa u nirrikonoxxu l-ħidma eċċezzjonali tagħhom, nixtiequ niċċelebraw ix-xogħol kollu tal-għaġeb li ntbagħat għal din l-isfida. Dan ir-rispons pożittiv għall iniżjattiva tagħna, mit-tfal u l-iskejjel tagħhom, iqawwilna qalbna.

Din il-wirja vibranti ta’ kreattività mill-kollaboraturi żgħażagħ tagħna ta’ min niċċelebrawha. L-għan ewlieni tal-MICAS huwa li ninkoraġġixxu l-iskambju ta’ ideat ġodda, bit-tfal u ż-żgħażagħ bħala l-protagonisti bit-tmun f’idejhom. Nilqgħu lit-tfal bħala ġeneraturi tal-għarfien u ħallieqa tat-tifsir, u mhux biss bħala studenti li qegħdin biss jitgħallmu. Il-MICAS jintrabat li jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jappoġġa l-ħajja kulturali u l-iżvilupp tat-tfal.

Il-programm tagħna għandu opportunitajiet oħra fix-xhur li ġejjin li se joffru lit-tfal stedina biex jesperimentaw u joħolqu. Nistennew bil-ħerqa l-parteċipazzjoni tagħhom.

It-tim tal-MICAS u jien nixtiequ nirringrazzjaw minn qalbna lill-edukaturi kollha, lit-timijiet tat-tmexxija tal-iskola, lill-ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal li ffaċilitaw u appoġġaw b’mod ġeneruż dan il-proġett.



Dr Georgina Portelli
milll-Kumitat Kreattiv tal-MICAS




[1] Fancourt D, Finn S. What is the evidence on the role of the arts in improving health and well-being? A scoping review. Copenhagen: WHO Regional Office for Europe; 2019 (Health Evidence Network (HEN) synthesis report 67).

Sign up for
our Newsletter

No spam included.