Mil-lemin: Id-Direttriċi Artistika tal-MICAS Ruth Bianco, On. Mirella Emiliozzi, l-Ambaxxatur ta’ Malta għar-Repubblika Federali Demokratika tal-Etjopja Ronald Micallef, u l-President tal-MICAS Phyllis Muscat fil-Ġnien ta’ Sa Maison, il-Furjana, Malta. ©MICAS

Aġġornament dwar il-MICAS mid-Direttriċi Artistika Dr Ruth Bianco

9 ta' Mejju 2019

Fost il-waqtiet ewlenin tal-2018, sena importanti li fiha Malta laqgħet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, fetaħ il-MICAS f’Ottubru tal-2018 biex b’hekk ġie ppreżentat il-kunċett tiegħu lid-dinja tal-arti internazzjonali. Dan se jwassal biex isir l-ewwel spazju nazzjonali speċjalizzat għall-arti kontemporanja. L-avveniment intlaqa’ tajjeb minn bosta u ġie onorat bil-preżenza ta’ personalitajiet prominenti u artisti, galleristi, designers u kritiċi magħrufa minn madwar id-dinja. Dan jawgura tajjeb ħafna għall-ġejjieni, u llum il-madwar spettakolari ta’ dan l-ispazju-mużew li qed jiżviluppa, qed jilqa’ bi kburija skultura ġganteska tal-artist Żvizzeru Ugo Rondinone. Dan ix-xogħol spettakolari, imsemmi the radiant, għalissa qiegħed maġenb il-mużew, fil-Ġnien tal-Milorda ta’ Sa Maison, u huwa miftuħ għall-pubbliku biex igawdih. Eventwalment se jsib postu f’ambjent aċċessibbli għall-pubbliku fil-ġnien tal-iskultura tal-MICAS li jagħti għal fuq il-veduta tal-għaġeb tal-marina.

Għalhekk, inkomplu mexjin ’il quddiem! Il-MICAS issa tibda l-missjoni tagħha ‘l barra mill-ħitan ta’ gallerija fiżika, u bħalissa għaddej xogħol bla heda ta’ kull xorta sabiex jiġu stabbiliti l-protokolli operattivi tal-mużew, jiġu stabbiliti kuntatti importanti u jiġi żviluppat programm internazzjonali eċitanti għas-snin li ġejjin sakemm jinfetħu l-galleriji.

Ix-xogħol ta’ restawr għaddej ġmielu u kważi ġiet irrestawrata għal kollox il-kontrogwardja storika magħrufa bħala l-Arkata ta’ Barbara fi ħdan il-bastjuni tar-Ritirata. Din l-arkata se tkun qed tagħti fuq tlieta mis-swali ewlenin tal-wiri. Dawn l-ispazji kbar se jkunu żieda mal-ispazji miftuħa mdaqqsa u s-sotteranji li bħalissa għaddejjin mir-restawr, u fejn se jiġu offruti simultanjament avvenimenti, wirjiet, u esperjenzi kollettivi. Is-swar fuq barra tal-ispazji tal-MICAS diġà jiġbdu l-għajn meta wieħed jarahom min-naħa l-oħra tal-baħar mat-triq ta’ Sa Maison, Tal-Pietà, anki għaliex dak li fiż-żmien kien sit żdingat għadda minn restawr u tiswijiet sostanzjali.

Fir-rigward tal-avvenimenti li jmiss u li se jibdew f’qasir żmien, il-MICAS qed iħejji l-kalendarju tiegħu skont id-dimensjoni internazzjonali tal-mużew. Se jagħfas l-aktar fuq il-modi diversi kif jista’ jilħaq udjenzi differenti lil hinn mill-għeluq tal-mużew, sewwasew billi jaġixxi ta’ aġent kulturali għal dan l-ispazju ġdid li jrid jilħaq lin-nies, ikisser l-ostakli u jibni b’mod kostruttiv fuq sehem l-udjenzi lokali, it-tfal u ż-żgħażagħ, il-familji, l-artisti u l-professjonisti u l-komunitajiet artistiċi internazzjonali. Dan hu, wara kollox, l-iskop ewlieni tal-MICAS: il-viżjoni programmatika tiegħu għandha l-għan li trawwem ideat u esperjenzi ġodda li jippromwovu l-arti kontemporanja, il-kultura u l-edukazzjoni dwarha, u lill-artisti tal-lum jinbnielhom livell ta’ esponiment, għarfien u prominenza f’dimensjoni sew nazzjonali sew internazzjonali. Dan l-appoġġ ser ikebbes l-għodod kulturali ħalli titqanqal u tiġi ppreservata l-memorja kollettiva attiva tas-soċjetà kif espressa mill-artist, sabiex tikber u tingħaraf posterità minn proċess dinamiku ta’ legat li jevolvi.

Bħalissa l-MICAS qed iħejji għat-tieni avveniment kbir tiegħu f’Ottubru 2019, bis-saħħa ta’ xogħol tal-artist Franċiż Pierre Huyghe flimkien mas-Serpentine Galleries London, li se jiġi kkurat minn Hans-Ulrich Obrist, id-direttur artistiku tas-Serpentine u kritiku u storiku magħruf tal-arti, li sejjer ukoll imexxi diskussjonijiet ma’ kelliema internazzjonali ewlenin. Aktar dettalji jingħataw fiż-żmien li ġej, flimkien ma’ attività tal-MICAS għal Ġunju li se ssir il-Belt Valletta. Jitħabbru wkoll fix-xhur li ġejjin aġġornamenti oħrajn kif ukoll attivitajiet u programmi ta’ kuntatt lil hinn mill-ħitan tal-mużew. Intant, ikompli għaddej ix-xogħol kbir ta’ restawr u bini fuq is-sit sabiex fl-aħħar naslu biex inwettqu dan il-proġett tant eċitanti, flimkien mal-viżjoni tant mistennija tan-nazzjon għall-arti kontemporanja

Sign up for
our Newsletter

No spam included.