MICAS tinawgura l-ewwel espożizzjoni tal-arti fuq is-sit tagħha waqt l-International Art Weekend 2023

Malta International Contemporary art Space (MICAS) iċċelebrat pass sinifikanti fil-vjaġġ tagħha billi ospitat l-ewwel espożizzjoni tal-arti tagħha What is to become is already here ta’ Conrad Shawcross, fuq is-sit tal-ispazju stess. L-inawgurazzjoni tas-sensiela ta’ installazzjonijiet tal-arti mill-artist kontemporanju ċelebri Ingliż, fl-isfond tal-arkitettura militari storika tal-Ospizio, immarkat ukoll it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend.

MICAS ikkollaborat mill-qrib ma’ Shawcross biex jikkura il-wirja li tinkludi x-xogħol artistiku tiegħu mifrux tul is-sit kollu ta’ MICAS, fil-fatt What is to become is already here tinkludi tliet korpi distinti ta’ xogħlijiet. It-titlu ta’ din il-wirja joffri ħjiel tal-essenza tagħha: preludju u xenqa għal dak li ġej fil-MICAS, li se jiftaħ is-sena d-dieħla. L-isem daqstant ieħor riferenza diretta għall-fatt li waqt li MICAS lest biex jiftaħ dalwaqt, il-bini l-ġdid jinsab fil-fortifikazzjonijiet storiċi li ilhom jeżistu għal mijiet ta’ snin u li raw storja mill-aktar inkredibbli. 

MICAS ħabbret li se żżid il-kollezzjoni t’arti kontemporanja tagħha bl-akkwist ta’ The Dappled Light of the Sun (Formation I) tal-istess artist—struttura li tiġbed l-għajn li tinkludi madwar 1,600 tetraedru. Dan ix-xogħol artistiku eċċezzjonali, ispirat mill-mozzjoni perpetwa tad-dinja naturali, se jingħaqad max-xogħlijiet ta’ Ugo Rondinone u Cristina Iglesias fil-kollezzjoni permanenti tal-MICAS. Dawn l-akkwisti jirriflettu l-impenn ta’ MICAS li tiddemokratizza l-arti, filwaqt li tiżgura li dawn il-kapolavuri jkunu aċċessibbli u jitgawdew minn kulħadd.

“Din il-wirja tippermettilna nammiraw arti eċċellenti fl-ispazji ta’ barra tas-sit ta’ MICAS li huma ugwalment impressjonanti,” qal il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fid-diskors tal-ftuħ tiegħu. “L-investiment sostanzjali tal-Gvern fl-infrastruttura kulturali mhux biss isaħħaħ is-settur kulturali tagħna iżda jippermettilna wkoll li nagħmlu l-wirt storiku u l-arti aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Dan filwaqt li jagħtina opportunitajiet ta’ relazzjonijiet internazzjonali ġodda u joħloq suq turistiku kulturali differenti” żied Bonnici.

“It-tir tagħna, mnebbaħ mill-mandat tagħna, huwa li MICAS tiżviluppa programm internazzjonali b’saħħtu u varjat, li jeżebixxi arti u artisti kontemporanji eċċezzjonali” saħqet iċ-Chairperson ta’ MICAS Phyllis Muscat, li enfasizzat li l-mandat u l-missjoni ewlenija ta’ MICAS hija li tilħaq ix-xena internazzjonali. Muscat spjegat kif din is-sena, permezz ta’ investiment mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u minn fondi nazzjonali, MICAS avvanzat sew fix-xogħlijiet, bil-bini tal-galleriji miexi b’ ritmu mgħaġġel. Tul din is-sena, avvanza sew ukoll ir-raba’ fażi tal-proġett, li se jwassal għat-tisbieħ tal-btieħi u l-ispazji ta’ barra.  “Ninsabu ħerqanin li MICAS tiftaħ il-bibien tagħha uffiċjalment is-sena d-dieħla!” qalet Muscat.

L-artist kontemporanju Conrad Shawcross fakkar kif kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden ta’ MICAS u li immedjatament kien ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta. Fid-diskors tiegħu, huwa spjega kif ispira ruħu mill-pożizzjoni tas-sit tal-MICAS, l-istorja tiegħu, viċinita tal-baħar u l-marina, u l-veduti li jippermetti mis-sulari għolja tiegħu.

Il-Kumitat Kreattiv tal-MICAS, immexxi minn Edith Devaney, ikkollabora mill-qrib mal-artist biex dan l-avveniment, li wassal biex ix-xogħlijiet ta’ Conrad Shawcross jesploraw il-pajsaġġ storiku tal-Ospizio, isir realta.

Il-MICAS International Art Weekend 2023 attirat udjenza internazzjonali notevoli, u kompliet is-Sibt b’lekċer ewlenija mid-Direttur Amerikan tal-Mużewijiet rinomat, Timothy Rub, dwar it-tema tar-responsabbiltà tal-mużewijiet biex jappoġġjaw il-kontinwità kif ukoll il-bidla segwita minn diskussjoni mill-panel li se tkun immoderata mid-Direttriċi Artistika Edith Devaney. Timothy Rub innifsu, Waqas Wajahat, Conrad Shawcross u Dr Georgina Portelli kienu parti mill-panel.

Sign up for
our Newsletter

No spam included.