The Palm Goddess for Malta ta’ Michele Oka Doner

15 ta' Ottubru 'il quddiem

Share this page

Il-forma umana f’Malta antika ilha ċċelebrata bħala patrimonju dinji sa mill-ewwel referenzi storiċi għall-arti. L-użu ta’ dil-figura jmur lura anki għal qabel il-bini tat-tempji, tant kemm hija ewlenija l-forma umana għall-kultura tal-gżira. 

Hija sfida mill-isbaħ il-ħolqien ta’ opra tal-arti li tkun kapaċi tistabbilixi l-għerq għal dit-tradizzjoni kbira. Din il-lingwa viżiva diġà titkellem dwar saċerdoti, allat nisa, ommijiet tal-art, u xamani. Il-moħħ fertili Malti jesprimi sew il-mortali sew id-divin.

The Palm Goddess for Malta tal-artista Amerikana Michele Oka Doner hija xogħol artistiku li jħaddan it-tradizzjoni figurattiv tal-imgħoddi antik. L-iskultura titnebbaħ ukoll mill-weraq monumentali tal-Phoenix dactylifera, palma li tinstab fil-Gżejjer Maltin.

Din il-forma astratta iżda definittivament femminili hija twila madwar 4 metri, figura tielgħa ’l fuq miżmuma fil-għoli minn “zokk” ta’ madwar żewġ metri li jissimbolizza t-tkabbir mill-ħamrija Maltija. Bħalma l-biċċa kbira tas-sejbiet arkeoloġiċi jirrappreżentaw xi forma ta’ alla, xi ħaġa sagra,  The Palm Goddess for Malta tinkarna l-aspirazzjoni umana u x-xewqa li din togħla u titmexxa mill-espressjoni kreattiva. 

L-iskultura hija fonduta fil-bronż u ppatinata ħadra. Il-mottiv tal-palm tagħha huwa mill-isbaħ u jmur lil hinn miż-żmien, u fih hemm reżonanza mad-dbielet bl-istrixxi li naraw fuq bosta mill-figuri misjuba fit-tempji Maltin. 

The Palm Goddess for Malta ta’ Michele Oka Doner se tinkixef waqt il-MICAS International Art Weekend 2022. L-opra se tiġi eżibita Pjazza Teatru Rjal il-Belt, u se tkun miftuħa għall-wiri lill-pubbliku mill-15 ta’ Ottubru ’il quddiem. 

 

IPPJANA Ż-ŻJARA TIEGĦEK

Post: Pjazza Teatru Rjal, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta
Dħul: B’xejn. M’hemmx bżonn tibbukkja.
Ħinjiet tal-wirja: miftuħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd
Għal aktar informazzjoni: info@micas.art 


Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2022 huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Visit Malta, Heritage Malta, Corinthia Palace Malta.

 

Dwar l-artist/a

Michele Oka Doner hija artista magħrufa mad-dinja b’karriera mifruxa fuq sitt deċennji. Xogħolha jitmexxa minn studju u apprezzament tul ħajjitha tad-dinja naturali, minn fejn tiġbed il-vokabolarju formali tagħha. Il-firxa tal-produzzjoni artistika tagħha tinkludi l-iskultura, it-tpinġija, l-arti pubblika, oġġetti funzjonali, video, kotba tal-artisti, u d-disinn tas-sett u tal-kostumi. Magħrufa għal bosta installazzjonijiet permanenti madwar l-Istati Uniti, fosthom Flight fir-Reagan International Airport, Arlington, VA; Radiant Site fl-istazzjon MTA ta’ Herald Square, New York; u l-mogħdija tal-bronż u t-terrazzo twila mil u kwart, A Walk on the Beach, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Miami u li kull sena jarawha 40 miljun vjaġġatur. Xogħol Oka Doner jinsab fil-kollezzjonijiet tal-Museum of Modern Art, il-Metropolitan Museum, il-Whitney Museum of American Art, l-Art Institute of Chicago, il-Musée des Arts Décoratifs tal-Louvre, il-Victoria & Albert ta’ Londra, u l-mużewijiet tal-arti tal-universitajiet ta’ Oxford, Michigan, Yale u Harvard, fost oħrajn. Irċeviet bosta premji, fosthom mill-United Nations Society of Writers and Artists, il-Pratt Institute, in-New York State Council of the Arts u n-Knight Foundation. Fl-2016 ingħatat dottorat onorarju fl-arti mill-Università ta’ Michigan fejn kienet ġabet l-ewwel lawrija u l-MFA. Oka Doner hija l-awtriċi jew is-suġġett ta’ bosta kotba, fosthom Everything Is Alive (2017, Regan Arts) u Intuitive Alphabet (2017,Tra Publishing). Imwielda u mrobbija Miami Beach, Michele Oka Doner inħatret Gwardjana tas-Siġra Ċentinarja tal-Banjan ta’ Miami Beach u fl-2021 rrappreżentat lil Miami Beach bħala Ambaxxatriċi għall-Arti u l-Kultura. Għandha studio u residenza f’New York City.

 Ritratt: Bruce Weber. Bil-korteżija ta Doner Studio, New York.

Sign up for
our Newsletter

No spam included.