Cristina Iglesias: Sea Cave (Entrance)

16 ta' Ottubru 2021 l' quddiem

Share this page
Share on facebook
Share on twitter
Share on email

Is-saffi kumplessi tat-traċċi kulturali u tal-memorja li jiffurmaw l-pajsaġġ tal-Port ta’ Marsamxett, il-bastjun ta’ San Mikiel u l-Ġnien ta’ Hastings huma l-isfond drammatiku għax-xogħol ġdid eċċitanti ta’ Cristina Iglesias, Sea Cave (Entrance).

Sea Cave (Entrance) iġġib fil-wiċċ dak li jista’ jkun qiegħed taħt. Jiżvela ftuħ immaġinarju għal spazju sotteranju li jesplora ġeoloġiji moħbija, interkonnessjonijiet u l-mogħdija li jieħu ż-żmien. Fi ħdan il-pajsaġġ tal-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt Valletta, ix-xogħol tal-bassoriljev fil-bronż huwa artikolat b’mod elokwenti fil-lingwaġġ skultoriku distintiv tal-artista. Sea Cave (Entrance) joħloq ambjent skultoriku profond u immersiv, permezz ta’ involviment riflessiv mal-ispazju pubbliku. Ix-xogħol jipponta lejn għatba liminali, id-dħul potenzjali f’għar, bil-forma skultorika tfannad ‘l isfel biex jiġu esposti saffi stratifikati u ġeoloġija immaġinata mħaffra u battala minn ġewwa. L-isporġenzi lixxi ta’ fuq jikkuntrastaw mal-ħruġ dinamiku tas-saffi ta’ taħt li jfakkru fl-għerien max-xtut imsawra u mgħawra mill-kostanza tal-baħar. L-ilma, li jimxi f’sekwenzi kajmana jew aktar mgħaġġla, isir l-element li jgħaqqad tax-xogħol hekk kif jipprova jikkatalizza impenn perċettiv. Sea Cave (Entrance) huwa stedina miftuħa għal esperjenza kontemplattiva immersiva.

 

“Ix-xogħol jissuġġerixxi spazju taħt l-art relatat mas-saffi u l-ġeoloġija tal-post. Jibni d-dħul għal għar possibbli tal-bronż li jgħaqqad ma’ oħrajn li jistgħu jeżistu fil-gżira blatija ta’ Malta.

Se jkun hemm fluss tal-ilma b’ritmi differenti li joħloq sekwenza li taħdem mal-ħin u ż-żmien, u li toħloq konnessjoni mentalment mal-baħar.”

Cristina Iglesias

 

Sea Cave (Entrance) se tinkixef matul it-3et edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend fil-15 ta’ Ottubru 2021. Ix-xogħol se jkun miftuħ għall-pubbliku mis-16 ta’ Ottubru.

Post: Il-Ġonna ta’ Hastings, Triq l-Inġiniera, Valletta, Malta.

Ħinijiet tal-wiri: Mit-Tnejn sal-Ħadd, 7.00–19.00

Bħala akkwist nazzjonali eċċitanti ġdid li se jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku biex iżuru u jgawdih bħalissa fil-Ġnien ta’ Ħastings, Sea Cave (Entrance) eventwalment se tiġi rilokata lejn il-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS fuq il-Kontrogwardja ta’ San Salvatore li tagħti fuq il-Port ta’ Marsamxett.

 

Għal kull mistoqsija, jekk jogħġbok ċempel fuq 21242183 jew ibgħat email lil events@micas.art

Sea Cave (Entrance) qed tiġi appoġġata mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Ambaxxata tar-Renju ta’ Spanja, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, Heritage Malta, l-Air Malta u Marian Goodman Gallery.

Dwar l-artist/a

CRISTINA IGLESIAS

 

Cristina Iglesias twieldet f’San Sebastián f’Novembru tal-1956. Bħalissa tgħix u taħdem f’Madrid. Matul il-karriera tagħha, Iglesias iddefinixxiet vokabularju skulturali uniku, u bniet ambjenti immersivi u esperimentali li jirreferenzjaw u jgħaqqdu l-arkitettura, il-letteratura u l-influwenzi kulturalment speċifiċi għas-sit. 

Studjat ix-Xjenzi Kimiċi  fl-Università tal-Pajjiż Bask (1976–1978), u wara perjodu qasir f’Barċellona tipprattika ċ-ċeramika u t-tpinġija, studjat l-Iskultura fir-Renju Unit fiċ-Chelsea School of Art ta’ Londra. (1980–1982). Bdiet tesibixxi immedjatament wara. Ingħatat borża ta’ studju Fullbright biex tistudja fl-Istitut Pratt fl-1988. 

Fl-1995 inħatret Professur tal-Iskultura fl-Akademie der Bildenden Künste fi Munich, il-Ġermanja, u fl-1999 rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Arti Viżiva ta’ Spanja. Fl-2012 rebħet il-Grosse Kunstpreis Berlin, fl-2019 il-Premju Nazzjonali tal-Arti Grafika, Spanja, u t-2020 Royal Academy Architecture Prize, Londra, ir-Renju Unit.  

Irrappreżentat lil Spanja darbtejn fil-Biennale ta’ Venezja, fit-42 edizzjoni fl-1986 u fil-45 edizzjoni fl-1993; fil-Biennale ta’ Sydney fl-1990 u l-2012; fil-Carnegie International tal-1995, Museum of Art Carnegie Institute f’Pittsburgh, l-Istati Unit; fit-Tajpei Biennal fl-2003; fis-SITE Santa Fe Biennal fl-2006 u fit-Triennale ta’ Folkestone fl-2011. Irrappreżentat ukoll lil pajjiżha fil-fieri dinjin li saru f’Sivilja fl-1992 u f’Hanover fl-2000. 

Ix-xogħol tagħha ntwera reċentement f’wirjiet individwali fis-Centro Botín, Santander, Spanja (2018); Musée de Grenoble, Franza (2016); Bozar, Centre for Fine Arts, Brussell, il-Belġju (2014); retrospettiva kbira fil-Museo Nacional Centro de Arte Reina Sofía, Madrid, Spanja (2013); u f’Casa França, Rio de Janeiro, il-Brażil (2013). Wirjiet solo preċedenti saru fil-Ludwig Museum, f’Cologne, il-Ġermanja (2006); Irish Museum of Modern Art, Dublin, ir-Repubblika tal-Irlanda (2003); Whitechapel Gallery, Londra, ir-Renju Unit (2003); Museu Serralves, Fundaçao Serralves, Oporto, il-Portugall (2002); Guggenheim Bilbao, Spanja (1999), Guggenheim New York, l-Istati Uniti (1997); Renaissance Society, Chicago, l-Istati Uniti (1997), Kunstverein Für die Rheinlande und Westfalen, Düsseldorf, il-Ġermanja (1988).

Il-kummissjonijiet pubbliċi reċenti jinkludu Hondalea (Marine Abyss) fil-Gżira ta’ Santa Clara, San Sebastián, Spanja (2021); Inner Landscape (the Lithosphere, The Roots, The Water, Museum of Fine Arts, Houston, l-Istati Uniti (2020); The Forgotten Streams, Bloomberg Headquarters, Londra, ir-Renju Unit (2017); Tres Aguas, Toledo, Spanja (2014); il-Vegetation Room (2010−2012) fl-Inhotim, il-Brażil u l-bibien Portón – Pasaje / Gates – Passage fid-daħla tal-estensjoni għall-Museo Nacional del Prado f’Madrid, Spanja (2007); Deep Fountain, Leopold de Waelplaats, Antwerp, il-Belġju (1997-2006).

 

Ritratt: Jose Luis Lopez Zubiria. Bil-korteżija ta: Cristina Iglesias. Lokazzjoni:  Alfa Arte Foundry. 

Sign up for
our Newsletter

No spam included.