L-Ospizio

L-inħawi ta’ Balzunetta l-Furjana dalwaqt se jkunu qed jilqgħu l-ispazju ġdid għall-MICAS, l-Ispazju Internazzjonali ta’ Malta għall-Arti Kontemporanja (Malta International Contemporary Art Space). Dan se jitwettaq permezz ta’ bidla fil-għan tas-siti tal-Ospizio l-Antik u tar-Ritirata fi ħdan il-ġmiel tal-linja tas-swar tal-Furjana li jagħtu għal fuq il-port ta’ Marsamxett.

L-Ospizio l-Antik, li jinsab fuq il-Kurtina tal-Polvrista fejn iċ-ċimiterju tal-Bastjun tal-Imsida, qiegħed eżatt taħt il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Tasal għalih billi timxi tul Triq Vincenzo Dimech sad-Dipartment tat-Taxxi Interni u tgħaddi mill-Bieb tal-Polvrista. Dan il-pajsaġġ storiku għandu narrattiva interessanti fuq diversi livelli.

Fl-1634, sploda l-maħżen ewlieni tal-polvri fi Strada San Jacopo (Triq San Ġakbu) l-Belt, fejn kienu mietu traġikament 22 ruħ u saret ħsara kbira lill-inħawi, fosthom lill-Knisja tal-Ġiżwiti fil-qrib. Ix-xogħol tal-polvri kien essenzjali għad-difiża tal-gżira u għall-ekonomija marittima tagħha. Il-Kavallieri għalhekk riedu jġorru l-produzzjoni volatili tal-polvri’l barra mill-Belt u ’l bogħod mill-abitat. Fl-aħħar inbniet fabbrika ġdida fuq art mogħxa l-Furjana, lejn it-parti tat-tramuntana tal-Bastjun La Vitoria fuq in-naħa tal-port ta’ Marsamxett. Il-kurtina tas-swar saret għalhekk magħrufa bħala l-Polvrista.

Il-polvrista l-ġdida, iddisinjata mill-inġinier militari Blondel des Croisettes fl-1665, kellha tliet imtieħen għat-tħin u l-manifattura tal-polvri u bdiet taħdem fl-1667. Lejn l-1720, l-industrja kienet għaddiet f’idejn imprendituri Maltin fi nħawi oħra tal-gżira, u fl-1729 il-polvrista antika u għadd ta’ kasamatti u galleriji ġew ikkonvertiti fl-ewwel istituzzjoni mmexxija mill-istat għall-indukrar tal-morda u tal-anzjani fuq ordni tal-Granmastru Antonio Manoel de Vilhena. Kien qabbad ukoll lill-inġinier militari Charles François de Mondion iħaffer ġibjun tal-ilma kif ukoll joħloq spazju għal ġnien għat-tkabbir tal-ħxejjex. Il-bini tal-polvrista, għalhemm inbidillu l-użu, madankollu ma kienx xieraq għall-għan tiegħu, għaliex kien pjuttost umduż u mudlam b’żewġ sulari taħt l-art li kienu żgħar wisq biex jilqgħu għad-domanda. Fl-1732, Vilhena kien żied binjiet ġodda u funtana. L-Ospizio l-ġdid kien ukoll jissejjaħ il-Casa di Carità wara li ġie rranġat, u kien jilqa’ madwar 380 resident fis-sena.

Il-Casa di Carità kienet immexxija minn kumitat amministrattiv, u fost il-persunal kien hemm kirurgu inkarigat mill-ħtiġijiet medici tar-residenti, li għall-ewwel kienu rġiel u nisa xjuħ li kienu morda jew inkella foqra u bla riżorsi. L-istituzzjoni saret magħrufa formalment bħala l’Ospizio fl-1785. Il-Gran Mastru de Rohan ħareġ sett ta’ regolamenti għat-tmexxija tal-post li baqgħu fis-seħħ sal-1816. Dawk ir-residenti li kienu jifilħu jaħdmu kienu jingħataw diversi xogħlijiet.

Fl-1798, waqt il-perjodu Napoleoniku, ir-repentite jew prostituti riformati mid-dar fejn il-knisja tal-Maddalena n-naħa t’isfel ta’ Sant’ Iermu l-Belt, ġew trasferiti l-Ospizio. Fil-bidu tas-seklu 19, fi żmien il-kolonja Britannika, l-orfni li qabel kienu jiġu ndukrati s-Sacra Infermeria l-Belt, kif ukoll il-priġunieri nisa, kollha ntbagħtu l-Ospizio. Barra minn hekk, pazjenti rġiel u nisa bi problemi ta’ saħħa mentali ċċaqalqu lejn l-Ospizio fl-1816. L-Ospizio kien spiċċa sar istituzzjoni b’diversi għanijiet li kellha taqdi l-ħtiġijiet tax-xjuħ, l-orfni, tfal illeġittimi u abbandunati, każijiet psikjatriċi u priġunieri nisa. Kien ukoll fl-Ospizio fejn fl-1837, it-Tabib S. Axisa kien iddjanostika l-ewwel każjiet tal-epidemija tal-kolera li kienet bdiet fl-Indja fl-1917 u mbagħad nxterdet madwar id-dinja. Meta nfetaħ l-isptar il-ġdid tax-xjuħ l-Ingiered fl-1892, li llum huwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, l-Ospizio għalaq fl-istess sena. Is-sit ġie ttrasferit lid-Dipartiment tal-Ordinanza tal-Armata Britannika. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918), meta Malta kienet tilqa’ l-midruba mit-teatru militari Mediterranju, il-lantijiet tal-Ospizio kienu jgħinu fl-isforz tal-gwerra billi jimmanifatturaw l-għamara tal-isptarijiet u oġġetti mediċi oħra bħal krozzi u qassabiet.

Malta sofriet il-qilla tal-bumbardamenti tal-Assi fit-Tieni Gwerra Dinjija. L-Ospizio ntlaqat sew mill-bombi tal-ajruplani Taljani u Ġermaniżi li kienu jattakkaw is-swar tal-Furjana, ix-xatt tal-Imsida u l-Gżira Manoel in-naħa tal-port ta’ Marsamxett. Wara l-Indipendenza fl-1964, is-servizzi Britanniċi bdew bil-mod il-mod jagħtu lura l-binjiet militari lill-gvern ta’ Malta, u mas-sebgħinijiet, il-kumpless tal-Ospizio beda jservi ta’ maħżen għall-Enemalta kif ukoll kellu skola tas-snajja’. Fl-1997, id-Direttorat tar-Restawr beda jopera mill-kasamatti tal-kurtina tal-Polvrista, u fl-2017 fetħu l-uffiċji amminstrattivi tal-MICAS fil-binjiet tal-Polvrista l-Antika fi Triq Joseph J.Mangion.

Referenzi

Pisani, S. (1970). The Malta Cholera Epidemic in 1837. The St. Luke`s Hospital Gazette, 5(2), 150-156.

Savona-Ventura Charles (2004) Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530-1798).P.E.G. Ltd. Malta.

Spiteri, Stephen C. (2012). “Arx Occasional Papers – Hospitaller Gunpowder Magazines”. MilitaryArchitecture.com.

Tqassim tal-fortifikazzjonijiet fiż-żona ta ‘Ospizio madwar 1730-50, qabel il-konverżjoni tal-fabbrika tal-porvli (polverista) fil-kumpless tal-Ospizio l-gdid.
Disinji bil-permess tat-tip Dr Stephen C. Spiteri.