Il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) irid isaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni. Malta se tkun qed tagħti pass importanti ’l quddem meta jiġi varat dan l-ispazju, u se ssir protagonista proattiva tad-dinja tal-arti kontemporanja.
Il-MICAS mistenni jiftaħ fl-2024, u huwa proġett kofinanzjat mill-Gvern ta’ Malta li se jħalli legat infrastrutturali fis-settur kulturali u artistiku. Il-MICAS mhux biss se jkun vetrina għall-artisti kontemporanji lokali iżda se jikkollabora ma’ istituzzjonijiet internazzjonali madwar id-dinja biex jippreżenta xogħlijiet rivoluzzjonarji minn artisti prestiġġjużi minn madwar id-dinja.
MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti. Il-MICAS se jitwettaq bis-saħħa ta’ restawr iffinanzjat mill-Istat ta’ swar storiċi u tal-galleriji tagħhom, u se jitlesta fl-2023. Dan il-proġett huma parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.
L-inħawi ta’ Balzunetta l-Furjana dalwaqt se jkunu qed jilqgħu l-ispazju ġdid għall-MICAS, l-Ispazju Internazzjonali ta’ Malta għall-Arti Kontemporanja (Malta International Contemporary Art Space). Dan se jitwettaq permezz ta’ bidla fil-għan tas-siti tal-Ospizio l-Antik u tar-Ritirata fi ħdan il-ġmiel tal-linja tas-swar tal-Furjana li jagħtu għal fuq il-port ta’ Marsamxett.
Iż-żona tal-proġett tal-MICAS testendi aktar ’l isfel tul il-kurtina tal-Polvrista, sal-bastjun ta’ La Vittoria, u maġenbhom ir-Ritirata u l-Kontrogwardja ta’ San Salvatore bl-arkata spettakolari tagħha. Il-galleriji interni tal-MICAS se jkunu qegħdin fir-Ritirata, li kienet linja ta’ difiża interna magħmula minn trunċiera u parapett fuq ġewwa li kienu jilqgħu għat-telf tad-difiża fuq barra u, kif juri l-isem Taljan tagħha, kienet tipprovdi passaġġ sikur għat-truppi li jkunu qed jirtiraw.
Phyllis Muscat imprenditriċi li stabbiliet lilha nnifisha bħala waħda mill-amministraturi ewlenin f’Malta, sew fis-settur pubbliku sew f’dak privat.
Fl-2015, Phyllis mexxiet b’suċċess it-Taskforce għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM). Bħala Kap tat-Taskforce, kienet inkarigata mill-Gvern ta’ Malta biex tikkoordina l-arranġamenti amministrattivi u loġistiċi għall-attivitajiet kollha. Issa għandha l-kariga ta’ Direttur tal-Bord Konsultattiv tal-Commonwealth Enterprise and Investment Council (CWEIC). Tippresjedi wkoll il-Bord tal-Koordinazzjoni tal-Proġetti Kulturali (CBCP).
Tul il-karriera professjonali tagħha fis-settur privat, Phyllis waqqfet bosta negozji fil-qasam tas-saħħa u tal-wellness. Kienet ukoll l-ewwel mara f’Malta li nħatret president ta’ media house ewlenija, il-ONE Group. Serviet ukoll fil-kumitat eżekuttiv tal-Maltese-American Chamber of Commerce, il-Malta Association of Women in Business u l-Action for Breast Cancer Foundation, u kienet il-kofundatriċi tal-European Confederation of Professional Beauticians and Cosmeticians (CEPEC) u l-Malta Association of Beauty Therapists (MABT).
Francis Sultana joħloq l-interiors għall-aktar kollezzjonisti tal-arti magħrufa fid-dinja. L-istudio tiegħu bbażat fl-istess bini tad-David Gill Gallery, li huwa wkoll CEO tagħha. Magħruf għall-ħila unika tiegħu li jwaħħad il-ħtiġijiet residenzjali ta’ spazju domestiku ma’ arti viżiva, skultura u installazzjoniiet li spiss ikunu fil-kobor, l-istudio ta’ Francis jaħdem madwar l-Ewropa, l-Ażja u l-Istati Uniti. Flimkien mal-proġetti tal-interiors, Francis jipproduċi wkoll kollezzjonijiet ta’ għamara u tessuti magħmulin fuq ordni u ta’ edizzjoni limitata.
Francis jidher regolarment fil-klassifika prestiġġjuża AD 100 tal-Architectural Digest, kif ukoll imsemmi fost il-Wallpaper’s Top 20 Interior Designers, kif ukoll fil-House & Garden’s Top 100 u l-lista annwali tal-AD France Top Interior Designers. Il-proprjetajiet tiegħu mhux biss jidhru regolament fuq rivisti madwar id-dinja, iżda Francis kien l-uniku designer ibbażat fil-Gran Britannja li ġie mistieden jingħaqad ma’ AD Collections 2017 f’Pariġi.
Francis Sultana jappoġġja lill-Kunsill Malti għall-Arti, l-aktar il-padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja. Bħala ambaxxatur tal-kultura għal Malta, Francis jippromwovi l-aġenda ta’ Malta għall-arti u l-kultura madwar id-dinja. Kien il-kofundatur tad-Design Fund għall-V&A u issa qiegħed ukoll fil-Kunsill Internazzjonali tad-Design Museum.
Georgina Portelli speċjalista fil-formazzjoni tal-kunċetti, ir-rappreżentazzjoni tal-lingwa u l-multilingwiżmu, u għandha PhD (Psych) mill-Università ta’ Londra. Ħadmet estensivament fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-kunċetti, kif ukoll fis-settur kulturali u kreattiv bħala riċerkatriċi, editriċi u konsulenta. Bħala kuratriċi indipendenti, għandha interess speċjali fl-arti interattiva, il-memorja u l-konfini nnegozjati tal-innifsi, l-alterità radikali u l-politika tal-ispustament. Xogħolha bħalissa jikkonċentra fuq l-istudji tad-dijaspora u l-memorja, il-kultura għall-inklużjoni soċjali, l-isponsorizzazzjoni għall-arti, u l-ħolqien ta’ sħubijiet kreattivi bejn l-arti, ix-xjenza u dixxiplini oħrajn.
Georgina bħalissa hi l-president tal-Creativity Trust Fund u membru fuq il-bord tal-Fondazzjoni Kreattività ta’ Spazju Kreattiv. Tappoġġja attivament il-kreattività u l-arti kontemporanja, u hi membru fundatur ta’ ISTRA, fondazzjoni tal-arti kontemporanja u tar-riċerka li tagħha hi l-ko-president għar-riċerka.
European Union
Operational Programme I - European Structural and Investment Funds 2014-2020 "Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges". Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Designed and developed by redorange © 2018
No spam included.