Taħdita ma’ Cristina Iglesias

16 ta' Ottubru 2021

Share this page

L-artista ċċelebrata internazzjonalment Cristina Iglesias se tkun qed tiddiskuti l-aħħar xogħol tagħha Sea Cave (Entrance), fejn se tagħti spunti dwar il-vokabolarju skulturali distintiv tagħha u l-involviment profond tagħha mal-ispazji pubbliċi. Bħala artista prolifika, xogħolha jvarja minn padiljuni mdendla, pannelli kannizzata, passaġġi u labirinti, funtani orizzontali ma’ ħitan ikkargati b’testi u forom strutturali u veġetattivi. Dan ix-xogħol jista’ jsib ruħu fi spazji fil-qalba tal-ibliet jew fuq gżejjer remoti madwar id-dinja, u dan joffri lil min jarah opportunitajiet għal esperjenzi kontemplattivi. Cristina Iglesias tagħti l-ħajja b’mod sinifikanti lil strutturi u installazzjonijiet fuq barra bl-użu tal-ilma bħala element integrali, biex b’hekk il-konsumatur tal-arti jitħeġġeġ isegwi ħosbien il-mixja tal-ilma u l-frugħ u l-mili tiegħu. Iglesias toffri kompożizzjonijiet ta’ bosta saffi, tessituri, profonditajiet illusivi u sekwenzi kkreati: metafori għall-memorja, il-ħajja u l-kxif ta’ dak li hemm moħbi u mfannad taħtha. 

F’xogħolha, Cristina Iglesias tartikola lingwaġġ skulturali uniku, li joħloq ambjenti immersivi u esperjenzjali li jgħaqqdu l-arkitettura, il-letteratura u influwenzi kulturalment speċifiċi għas-sit. Tirridefinixxi l-ispazju billi tħallat l-intern mal-estern, l-organiku mal-artifizju, il-materjali industrijali mal-elementi naturali sabiex tipproduċi siti sensorji ġodda għal min qed jarahom. 

‘In Conversation with Cristina Iglesias’ se tkun immoderata mill-kuratriċi internazzjonali Edith Devaney u ssir il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, fis-16 ta’ Ottubru 2021.

Ħin: mill-10.00 sa nofsinhar.

Post: MUŻA (il-bitħa), Auberge d’Italie, Triq il-Merkanti, Valletta.

F’konformità mal-i‘Standards for Safer Organised Controlled Events’ stabbiliti mill-Ministeru tas-Saħħa, l-attendenza għal din l-attività se tkun limitata. Nistednuk tirreġistra bla ħlas billi tibgħat email lil events@micas.art. Jekk jogħġbok, daħħal ismek, kunjomok u n-numru tal-mobile. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq fit-13 ta’ Ottubru 2021. Kull min jixtieq jattendi għandu jippreżenta ċertfikat tal-vaċċin COVID-19, flimkien mal-email tal-konferma tar-reġistrazzjoni mill-MICAS. 

Għall-informazzjoni, ċempel fuq 21242183 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa, 9.00 – 16.00 hrs).

Din l-attività tifforma parti mill-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2021, u qed tiġi organizzata bl-appoġġ tal-Air Malta, Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, MUŻA, lAmabaxxata tar-Renju ta’ Spanja, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, Heritage Malta, l-Air Malta u Goodman Gallery.

Sign up for
our Newsletter

No spam included.